Statute

Artiklu 1: Isem

1.1 L-isem uffiċjali ta’ l-għaqda jkun ‘Amputees for Amputees (A4A), Together we stand!!’, u minn issa ‘l quddiem nirreferu għaliha bħala ‘l-Grupp’.

1.2 L-indirizz uffiċjali tal-Grupp ikun dak tal-President tal-Kumitat, jew ta’ xi post ieħor li jiddeċiedi l-Kumitat fil-Laqgħa Ġenerali Annwali.

Artiklu 2: Eliġibilita’

2.1 Sħubija fil-Grupp hi miftuħa għal kull persuni ta’ kull nazzjonalita li jkunu tilfu parti minn ġisimhom.

2.2 Sħubija hija miftuħa wkoll għal familjari ta’ dawk il-persuni li soffrew din it-telfa.

2.3 Sħubija hija miftuħa wkoll għal dawk il-professjonisti li b’xi mod jew ieħor joffru servizz lill-persuni li għaddew jew ser jgħaddu min din l-esperjenza, bħal m’huma tobba, fiżjoterapisti u infermiera.

Artiklu 3: Għanijiet

L-għanijiet prinċipali li inħoloq għalihom dan il-Grupp, huma:

3.1 Jagħti servizz billi jgħin, jinkoraġixxi u jżomm kuntatt mal-membri ta’ l-Grupp u oħrajn affetwati bl-istess kundizzjoni, b’mod speċjali fejn titratta saħħithom;

3.2 Li f’laqgħat tal-kumitat jiddiskuti kull każ ta xi nuqqasijiet jew caħda ta drittijiet li jaffettwaw lill-membri u, fil-waqt li jirrispetta l-kunfidenzjalita, jieħu l-azzjoni li jidhirlu xierqa fiċ-ċirkustanzi għall-ġid tal-membri affettwati;

3.3 Jaħdem id f’id mad-dipartimenti tal-Gvern u istituzzjonijiet oħra li joffru servizzi lil dawk il-persuni affettwati minn din il-kundizzjoni;

3.4 Jipprovdi tagħrif u informazzjoni lil dawk affettwati, dawk li ħa jkunu jigu affetwati u lill-familjari tagħhom.

3.5 Li jorganizza attivitajiet Religjuzi, Socjali u Edukattivi, kif ukoll attivitajiet ta’ Fundraising għall-finanzjament u t-tmexxija tal-Grupp;

3.6 Bl-approvazzjoni tal-Kumitat, il-Grupp jista jidħol fi ftehim ta’ sponsorship, kemm il-darba dan ikun ta’ ġid għall-Grupp u l-membri tiegħu.

Artiklu 4: Amministrazzjoni

4.1 Il-grupp jiġi amministrat mill-Kumitat li jkun magħmul minn mhux aktar minn disa (9) persuni. Tnejn minn dawn il-persuni ikunu professjonisti volunatrji. Fost il-karigi assenjati ghandu jkun hemm dawk ta’ President, Vici-President, Segretarju, Assistent Segretarju, Teżorier u P.R u Media Officer.

Artiklu 5: Il-Kumitat

5.1 Il-membri tal-kumitat għandhom ikunu Amputees jew professjonisti voluntarji.

5.2 Dmirijiet tal-membri tal-Kumitat huma:

(a) President

Il-President għandu jmexxi l-grupp u jippresiedi l-laqgħat kollha tal-Kumitat fuq agenda maqbula mas-Segretarju. Fl-assenza tiegħu/tagħha, din il-funzjoni jagħmilha l-Vici-President.

Fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat, wara li tkun saret il-Laqgħa Generali Annwali (kull sentejn), il-President għandu jiggwida lil sħabu tal-kumitat biex jimtlew il-karigi fil-Kumitat.

Il-President għandu wkoll jara li l-ispejjez ta’ l-Għaqda ikunu iggustifikati.

(b) Vici-President

Il-persuna li jkolla il-kariga ta’ Vici-President, għandu/ha d-dmir li tgħin lill-President fic-cirkustanzi kollha u, fl-assenza tiegħu/tagħha, jieħu/tieħu ħsieb it-tmexxija u l-organizzazzjoni tal-Grupp u jippresiedi/tippresiedi fil-Laqgħat.

(c) Segretarju

Il-persuna li jkollha l-kariga ta’ Segretarju għandu/ha jzomm/izzomm il-Minuti tal-Laqgħat kollha tal-Kumitat kif ukoll rekord tal-korrisponodenza kollha li jibgħat u jircievi l-Grupp. Għandu/Għandha wkoll tieħu ħsieb tikkonsulta mal-President dwar l-Agenda tal-Laqgħat, b’konsiderazzjoni xierqa għas-suggerimenti tal-membri l-oħrajn.

(d) Asst. Segretarju

Il-persuna li jkollha l-kariga ta’ Asst. Segretarju għandu/ha jgħin/tgħin lis-Segretarju fil-qadi ta’ dmirijietu/ha u, fl-assenza tiegħu/tagħha, jamministra/tamministra l-istess funzjoni.

(e) Teżorier

Il-persuna li jkolla l-kariga ta’ Teżorier, għandu/ha żżomm dettalji ċari tad-dħul u l-ħruġ finanzjarju tal-Grupp u għandu/ha jippreżenta/tippreżenta rendikont lill-Kumitat kull tliet xhur u/jew meta jkun mitlub mill-President. Ir-rendikont għandu juri stampa ċara tal-bilanċ kurrenti tal-Grupp.

It-teżorier għandu/ha wkoll iżomm/iżżomm Inventarju tal-Propjeta/Assi tal-Grupp u jassigura/tassigura l-użu tajjeb tagħhom.

Huwa/Hija wkoll għandu/ha jiffirma/tiffirma ċekkijiet flimkien mal-President jew is-Segretarju.

(f) P.R. u Media Officer

Il-persuna li jkollha din il-kariga ikun/tkun responsabbli mill-promozzjoni tal-Grupp mas-setturi kollha tal-Media kif ukoll mill-kuntatt teknoloġiċi, inkluz il-Website tal-Grupp. Għandu/ha wkoll jippreżenta/tippreżenta rapport fuq attivitajiet tal-Grupp matul is-sena preċedenti, waqt il-Laqgħa Generali Annwali.

Artiklu 6: Eżekuttiv

6.1 Il-President, Vici-President, Segretarju u t-Teżorier għandhom jiffurmaw l-Ezekuttiv u jaġixxu meta jkun hemm bżonn tittieħed xi deċiżjoni urġenti. Meta jiġri dan, dawn l-uffiċjali jkollhom id-dmir li jinfurmaw lill-membri oħrajn tal-Kumitat b’dawn id-deċiżjonijiet fl-ewwel laqgħa tal-Kumitat li jkun imiss.

6.2 F’kaz ta’ laqghat mas-sotto kumitat, zewg membri ta l-Ezekuttiv huma bizejjed biex jigu mittiehda decizjonijiet.

Artiklu 7: Kontijiet/Dettal Finanzjarju

7.1 It-Teżorier għandu/ha jieħu/tieħu ħsieb li ssir il-verifika tal-kontijiet u r-rendikont tal-finanzi tal-Grupp biex ikunu ippreżentati waqt il-Laqgħa Generali Annwali.

7.2 L-Għaqda għandha tkun bla qliegħ u id-dħul tal-miżati għandhom ikunu biss għax-xogħol ta l-amministrazzjoni, filwaqt id-dħul mil-kontribuzzjonijiet, rigali u dħul iehor għandhom jintużaw għal proġetti speċifiċi. Id-Dħul għandu wkoll jintuża biex jiġi ssusidjat it-trasport tal-membri għal-Laqgħa tal-Grupp.

7.3 Għandu jkun hemm ta’ l-anqas kont wieħed (1). Dħul u ħrug tal-kont irid ikun miżmum u rrapurtat.

7.4 Is-sena finanzjarja tal-Grupp hija bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Diċembru.

7.5 Mhux aktar tard minn tmint ijiem qabel il-Laqgħa Ġenerali Annwali, it-Teżorier għandu/ha jippreżenta/tippreżenta għall-approvazzjoni tal-Kumitat, ir-Rendikont Finanzjarju li jkun għalaq, tas-sena kurrenti, kif approvat mill-Awdituri.

Artiklu 8: Rappreżentazzjoni

8.1 Il-President u membru ieħor ta’ l-Ezekuttiv, flimkien, jistgħu jirrapreżentaw legalment u ġudikament lill-Grupp.

8.2 Iċ-ċekkijiet kif ukoll dokument u strumenti finanzjarji negozjabbli għandhom ikunu ffirmati mit-Teżorier u l-President jew Segretarju.

Artiklu 9: Laqgħa Ġenerali Annwali

9.1 Il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Grupp għanda ssir kull sena matul ix-xahar ta’ Jannar, f’post, data u ħin kif jiddeċiedi l-Kumitat, b’din l-Aġenda:

(a) Ftuħ mill-President;

(b) Qari tal-Minuti ta’ l-aħħar Laqgħa Ġenerali;

(c) Rapport Amministrattiv mis-Segretarju;

(d) Rapport Finanzjarju vverifikat mit-Teżorier;

(e) Rapport mill-P.R. u Media Officer;

(f) Konsiderazzjoni ta’ Mozzjonijiet u Riżoluzzjonijiet;

(g) Hatra jew konferma ta’ l-Awdituri;

(h) Diskors ta’ l-għeluq mill-President;

(i) Elezzjoni jew konferma tal-Kumitat (kull sentejn).

9.2 Avviż/Kworum:

Is-Segretarju għandu/ha javża/tavża bil-mitkub lill-membri kollha rregistrati, mill-inqas ħmistax (15)-il jum qabel id-data tal-Laqgħa Ġenerali. Dan l-avviż għandu jindika l-post, id-data u l-ħin u l-Aġenda tal-Laqgħa. Il-Kworum jiffurmawh 30% tal-membri rregistrati li huma amputees. Jekk ma jkunx hemm kworum fil-ħin avzat, il-Laqgħa Ġenerali tibda ħmistax (15)-il minuta wara, bin-numru ta’ membri preżenti.

9.3 Elezzjoni tal-Kumitat:

(a) Nominazzjonijiet minn kandidati li jikkontestaw l-elezzjoni għall-hatra fil-Kumitat, għandhom isiru fuq formoli apposta li għandhom jaslu għand is-Segretarju sa mhux aktar tard minn sebat (7) ijiem qabel id-data tal-Laqgħqa Ġenerali.

(b) Kull nomina irid ikollha proponent u sekondat, li t-tnejn iridu jkunu membri rreġistrati bil-menswalita’ mħallsa. L-elezzjoni għandha titmexxa u l-għadd tal-voti għandu jsir minn persuni li ma jkunux qegħdin jikkontestaw l-elezzjoni.

(c) Il-Kumitat iservi għal sentejn.

(d) Il-karigi varji fil-kumitat, kif indikati f’Artiklu 5, ikunu assenjati waqt l-ewwel laqgħa tal-Kumitat elett, fil-Laqgħa Ġenerali, skond kif jaqblu li għandu jsir l-istess membri eletti.

9.4 Votazzjoni:

(a) Il-votazzjoni għall-ħatra ta disa (9) membri fil-Kumitat għandha ssir b’vot sigriet fuq formoli apposta, jekk jikkontestaw aktar minn disa (9) persuni.

(b) Jekk in-numru ta’ kontestanti jkun anqas minn dak mitlub minn dawn ir-regolamenti, il-persuni eletti jkunu jistgħu jikkooptjaw membri oħrajn waqt it-terminu tagħhom, kif jidrilhom xieraq u fl-aħjar interess tal-Grupp.

(c) Il-Votazzjoni għal kull riżoluzzjoni jew mozzjoni għandha ssir b’sinjal ta’ l-idejn, sakemm ma jintalabx vot sigriet minn ta’ l-anqas erba’ membri preżenti.

(d) Ħlief fejn hemm ipprovdut mod ieħor f’dawn ir-regolamenti, kull votazzjoni tgħaddi b’maġġoranza sempliċi.

(e) Kull membru jkollu vot wieħed biss.

(f) Votazzjoni bil-prokura mhix permessa (hlief f’kazijiet serji ta mard).

(g) Kull post tal-membri tal-Kumitat ikun onorarju.

Artiklu 10: Laqgħat tal-Kumitat

10.1 Il-Kumitat elett għandu jiltaqa mhux aktar tard minn sebat ijiem wara l-Laqgħa Ġenerali u, ta’ l-anqas darba fix-xahar matul it-terminu tiegħu, f’post, data u ħin kif meħtieg għat-tmexxija għaqlija tal-Grupp.

10.2 Biex tkun tista ssir Laqgħa għandu jkun hemm Kworum ta’ tlett (3) membri preżenti.

10.3 Is-Segretarju għandu/ha javża/tavża lill-membri tal-Kumitat bid-data, post, ħin tal-Laqgħat u jinfurmahom/tinfurmahom bl-Aġenda.

10.4 Fil-Laqgħat tal-Kumitat kull membru preżenti għandu dritt għal vott wieħed. F’każ ta parita fil-voti, il-President ikollu dritt tal-casting vote.

10.5 Jekk ikun jinħtieg vot biex tgħaddi xi deċiżjoni jew riżoluzzjoni, il-votazzjoni tal-maġġoranza tkun torbot lill-membri kollha tal-Kumitat.

10.6 Kull membru tal-Kumitat li jonqos li jattendi, mingħajr raguni valida, għal tliet laqgħat konsekuttivi, jew ħames laqgħat f’perjodu ta’ tnax-il xahar mingħajr ġustifikazzjoni, jitqies bħala li m’ għadux jifforma parti mill-Kumitat.

10.7 Kull membru li, għal xi raġuni jew oħra, jkun jixtieq jirreżenja mill-Kumitat għandu jinforma b’dan lis-Segretarju, bil-miktub, u jagħti r-raġuni għar-riżenja tiegħu.

10.8 Meta xi membru jirriżenja, il-Kumitat għandu jaħtar, bħala membru ġdid tal-Kumitat, lil dik il-persuna, li fl-elezzjoni preċedenti tkun ġabet l-aktar għadd ta voti wara l-aħħar persuna eletta, jew bill jikkooptja persuna li jkun jidhirlu li jkun/tkun adatt/a biex iservi/isservi fil-Kumitat, skond iċ-ċirkustanzi.

Artiklu 11: Ħlas tas-Sħubija

11.1 Kull membru ta l-Grupp għandu jħallas mizata nominali ta EUR 20 li titħallas bejn Jannar u Frar ta’ kull sena.

Artiklu 12: Assi tal-Grupp

12.1 Għotjiet, sussidji, kontribuzzjonijiet u rigali oħrajn li, kull membru li, b’xi mod jew ieħor jifforma parti mill-Grupp, jakkwista għall-Grupp, ikunu jitqiesu bħala Assi tal-Grupp

Artiklu 13: Emendi għal dan l-Istatut

13.1 Ebda żieda jew bidla, għal dawn ir-regolamenti ma tista ssir jekk mhux bl-approvazzjoni ta’ żewġ terzi tal-membri preżenti waqt Laqgħa Ġenerali.

Artiklu 14: Provediment ta’ Awtoriżżazzjoni

14.1 Il-Kumitat ikollu s-setgħa li jieħu deċiżjoni fuq kull materjal li m’hemmx provediment għaliha f’dawn ir-Regolamenti. Jekk jiġri dan, il-Kumitat ikun fid-dmir li jaħseb għal provediment ta’ emenda biex tiġi inkluża f’dan l-istatut, fl-ewwel Laqgħa Ġenerali Annwali li jkun imiss.

Artiklu 15: Xoljiment tal-Grupp

15.1 F’każ li jinqalgħu ċirkustanzi li, minħabba fihom, il-Grupp ma jkunx jista jiffunzjona aktar, u dan japprovawh żewġ terzi tal-membri preżenti waqt Laqgħa Straordinarja msejħa apposta, l-Assi tal-Grupp jissarrfu fi flus u jitqassmu għall-Karita, skond kif tiddeċiedi l-istess Laqgħa Ġenerali Straordinarja.